|
Aġġornat l-Erbgħa l-1 ta' April 2009, 00:00
- Mat-tokki ta' nofs il-lejl tal-1 ta' April 2009,
il-liċenzja ta' 88.7fm għaddiet mingħand il-Koperattiva
Mediacoop għal għand operaturi ġodda. Dan wara ftehim
milħuq bejn iż-żewġ naħat fl-aħħar
jiem. It-trasmissjonijiet live
fuq Capital Radio ntemmu t-Tnejn 30 ta' Marzu 2009 bil-programm Capital
Marathon, ippreżentat minn Renald Buġeja, jiġi estiż
b'siegħa. Renald għalaq il-programm bid-diska 'Brother Louie'
ta' Modern Talking. Din kienet l-istess diska li fl-1 ta' Lulju 1998
fetħet it-trasmissjoni ta' Capital Radio fuq 88.7fm, avveniment li
kien biddel ix-xena tax-xandir bir-radju f'Malta. Wara sar bulettin
tal-aħbarijiet speċjali f'nofsinhar li ffoka fuq il-mixja
tar-radju tul il-11-il sena ta' xandir ta' Capital Radio. Mediacoop
Limited qalet li ħadet dan il-pass sabiex tkun tista' tiffoka fuq
oqsma oħra li topera fihom fosthom il-marketing, il-konsulenza u t-taħriġ. It-tmiem
tax-xandir ta' Capital Radio kien rappurtat fil-gazzetti ewlenin u
ġab dispjaċir fost eluf ta' semmiegħa regolari
tal-istazzjon.
|